Celebrate Life Week 2008
Gallery
Write Up
Niccelebraw il-Hajja… Niccelebraw iz-Zghozija!
L-istudenti żgħażagħ fl-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ flimkien ma studenti oħra fl-MCAST għadhom kemm għexu esperjenza partikulari tul ġimgħa t’attivitajiet u inizjattivi varji bit-tema “Celebrate Life” – niċċelebraw il-ħajja. Filfatt din hija s-sitt sena li Comunio organizza inizjattiva bħal din bil-għan li tinxteħet attenzjoni akbar fuq il-valur qawwi u uniku tal-ħajja.
Il-qofol ta’ l-attivitajiet kienu sensiela ta’ Life Encounters li tulhom żgħażagħ kellhom l-opportunita li jisimgħu esperjenzi mill-aktar imqanqla u qawwija ta’ numru ta’ żgħażagħ u personalitajiet magħrufa. Żgħażagħ li ġarrbu x-xkiel tad-droga, l-abbuż ta l-alkoħol u saram ieħor fil-ħajja tagħhom, qassmu dawn l-esperjenzi tul Life Encounters li kienu mmexxija separatament mill-Aġenzija Sedqa, kif ukoll mill-Caritas. Mijiet ta’ studenti żgħażagħ attendew dawn il-Life Encounters mifruxa fuq erbat ijiem. Il-kummenti li nstemgħu wara dawn l-inkontri, kienu ġeneralment juru kemm il-qsim ta’ l-esperjenzi missew il-qalb ta’ dawk kollha li attendew, kif ukoll fettħu għajnejn dawk kollha li fehmu x’għadda minn ghalihom dawn iż-żgħażagħ li għaddew minn tant xkiel u saram meta ġew imqarrqa mix-xenxiel tad-droga u vizzji oħra.
Life Encounter ieħor mill-aktar pożittiv kien l-aħħar wiehed li gie organizzat waqt Celebrate Life Week u li kien immexxi minn Ivan Grech - il-frontman tal-grupp mużikali popolari Winter Moods. Minbarra li kien unur għal dawk kollha li kellhom l-opportunita li jiltaqgħu mill-viċin ma dan il-personalita ewlieni fil-qasam tad-divertiment lokali, zgur li wieħed seta jinnota il-profondita tal-ħsieb dwar il-valur u l-apprezzament tal-ħajja hekk kif ġew proposti minn Ivan Grech. Wieħed ma jistax ma jikkumentax dwar it-tqanqil tal-ħsieb li ħalla warajh dan il-Life Ecnounter f’dawk iż-żgħażagħ kollha li attendew u ħadu l-opportunita jixtarru ftit dak li kellu mħejji għalihom dan il-personalita ewlenija f’pajjiżna.
Minbarra din is-sensiela ta Life Encounters tul Celebrate Life Week, Comunio organizza numru ta’ attivitajiet ohra. Moments huwa l-isem li jingħata lil sessjoni ta talb bi stil żagħżugħ li Comunio jorganizza fil-Kappella ta’ l-MCAST regolarment tul is-sena akkademika.
Fl-okkazjoni ta din il-gimgħa t’għarfien favur il-ħajja, kien jixraq li s-sessjoni ta’ Moments għax-xahar ta Novembru tkun iffukata fuq il-valur tal-ħajja. U dan seħħ b’mezz mill-aktar effettiv permezz tal-parteċipazzjoni ta’ tlett żgħażagħ li attwalment qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni mmexxi mill-Caritas f’San Blas.
Attivita oħra li kellha rispons mill-aktar pożittiv kien DVD Forum msejjes fuq il-film mis-sena 2007 bl-isem ta’ “The Ultimate Gift” – film b’messaġġ qawwi li jipproponi tnax il-valur ewlenija li jagħtu sens lill-ħajja fiż-żgħożija. Il-ħsibijiet imqanqla minn dan il-film huma bosta u ż-żgħażagħ li attendew għal dan il-Forum kellhom l-opportunita li jieqfu, jaħsbu u jsaħħu l-apprezzament tagħhom għall-valur tal-ħajja.
L-attivitajiet waslu fi tmiemhom permezz ta’ serata li ffukat fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja żgħożija. L-ewwel parti tas-serata kienet imnebbħa minn attivita li tat ħarsa lura – flashback – lejn il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ madwar il-Papa Benedittu Sittax f’Sydney f’Lulju li għadda. Zgur li dan l-avveniment jista jitqies bħala avveniment ewlieni ghaż-żgħażagħ għal din is-sena li wasslet biex tintemm – u dan għal diversi raġunijiet. Tul l-attivita, tlett żgħażagħ li kienu jiffurmaw parti minn grupp li kien ikkordinat mill-KDZ u li tmexxa mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arcisqof, għamlu prezentazzjoni dwar l-esperjenza li huma għexu f’Sydney. Kienet prezentazzjoni li qanqlet lil dawk kollha preżenti, u li setgħu japprezzaw dimensjoni oħra tal-ħajja żagħżugħa. Mhux ta b’xejn li Comunio għażel li jtemm l-attivitajiet ta Celebrate Life Week 2008 permezz ta flashback għall-Jum Dinji taż-Zgħażagħ.
Tul l-attivita tkellem ukoll Fr Savio Vella – delegat ta’ l-Arċisqof ghaż-żgħażagħ li minbarra li qasam l-esperjenza tiegħu ta WYD, wera x-xewqa li l-ispirtu ħaj tal-Jum Dinji taż-Zgħażagħ ikun jista jinfirex fil-parroċċi u l-għaqdiet kollha taż- żgħażagħ fit-triq lejn il-Jum Dinji taż Zgħażagħ li jmiss tlett snin oħra f’ Madrid.
F’din l-attivita ipparteċipa wkoll b’mod mill-aktar ħaj Fr Karm Debattista li ppreżenta numru ta tracks mill-aktar CD riċenti tiegħu li huwa nieda f’Sydney propju fl-okkazjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Permezz tal-kummenti tiegħu bejn diska u oħra, Fr Karm ħeġġeġ liż- żgħażagħ sabiex japprezzaw il-valur tal-ħajja anke peremezz ta’ stima lejn esperjenzi mill-isbaħ bħalma huma l-esperjenza tal-Jum Dinji taż-Zgħazagħ.
Waqt l-attivita li saret fuq il-Kampus ewlieni ta’ l-MCAST, ħadu sehem ukoll Roberta Sacco li kantat żewg siltiet miż-żewġ CD Albums li Comunio pproduċa. Twassal messaġġ awdjo viżwali mibgħut mill-Awstralja mis-Seminarista żagħżugħ Robert Galea li tkellem dwar l-esperjenza tiegħu li għadu igħix sal-lum wara l-Jum Dinji taż-Zgħażagħ li kellu sehem dirett fih.
Fit-tmiem ta’ l-attivita ha ċ-ċentru mistħoqq ta’ l-attenzjoni Dak li jagħti l-Ħajja… Permezz ta ftit mumenti ta riflessjoni u adorazzjoni mmexxija minn Fr John Curmi – Chaplain ta’ l-MCAST – dawk kollha prezenti kellhom l-opportunita li għal ftit ħin f’ambjent mill-isbaħ imdawwal bix-xemgħa, jirriflettu fuq l-appoġġ u s-sens qawwi ta sigurta li jagħtina Ġesu fil-hajja taż-żgħożija.
Aktar tard filgħaxija, sar party bl-isem ta Black and White, b’messaġġ ta’ divertiment alternattiv u nadif. Filfatt wara programm qasir ta taħriġ sponsorjat mill-aġenzija Sedqa, numru ta studenti żgħażagħ mill-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ servew għadd ta mocktails mhux alkoħolici f’tiżwieqa ta kuluri u togħmit bnini, u li flimkien mal-mużika moderna komplew joffri sfond mill-aktar adattat għal Ċelebrazzjoni tal-Ħajja.
Kif issemma aktar kmieni, Celebrate Life Week kienet taħlita ta attivitajiet u inizjattivi bil-għan li titqajjem kuxjenza akbar għall-valur u l-apprezzament tal-ħajja żagħżugħa. Grupp ta madwar tletin student mill-Istitut ta’ l-Arti u d-Disinn fl-MCAST, tellaw wirja ta xogħlijiet artistiċi bit-tema “Life Expressions”.
Din il-wirja kienet attrazzjoni ewlenija fil-Foyer ta’ l-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ fil-Kampus ewlieni ta Rahal Gdid. Bosta kienu l-kummenti pozittivi dwar it-talent mill-aktar frisk, vivaċi u ħaj ta’ kull min ipprezenta xi xogħol artistiku għal din il-Wirja. Bosta wkoll kkummentaw fuq l-għażla tal-ħsieb u l-kummenti li dawn l-istess artisti żgħażagħ għażlu li jgħammdu bihom ix-xogħlijiet ta’ ħila kreattiva tagħhom.
Inizjattiva oħra li Comunio organizza tul Celebrate Life Week hija l-pubblikazzjoni u t-tqassim ta bookmark għall-okkazjoni li din is-sena kellha t-tema “Love Life… Appreciate it!” Mijiet minn dawn il-bookmarks tqassmu sabiex ikompli jitwassal għarfien akbar dwar il-valur tal-ħajja fiż-żgħożija. Barra minn dan, fil-kuruturi ta’ l-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ, ttellgħu għadd ta banners b’messaġġi li jqanqlu l-għarfien u l-apprezzament għall-ħajja.
Fil-bidu tal-Ġimgħa t’Attivitajiet u inizjattivi, Comunio ħadu l-opportunita biex iniedu il-programm ta’ ħidma għax-xhur li ġejjin. Diversi huma l-ħidmiet, inizjattivi u attivitajiet li Comunio għandhom imħejjija sabiex ikompli jqegħdu fil-prattika il-mission statement li jixpruna l-grupp fil-ħidma li jwettaq. Prattikament hemm attivita ewlenija għal kull xahar sa Lulju li gej, fejn hemm il-ħsieb li grupp ta’ żgħażagħ jorganizzaw ruħhom sabiex iwettqu esperjenza missjunarja barra minn xtutna. L-attivitajiet li qed jiġu mħejjija huma varji u jinkludu ħidmiet soċjali, attivitajiet ta’ xejra spiritwali, publikazzjonijet, mumenti ta divertiment alternattiv, formazzjoni tal-personalita u l-karattru, attivitajiet sportivi, diskussjonijiet u fora, fost ħafna oħrajn.
Wieħed mill-aktar mezzi effettivi ta’ tagħrif dwar il-ħidma li Comunio jwettaq, huwa bla dubju ta xejn il-website bl-indirizz www.comuniomalta.org Permezz ta dan is-sit elettroniku, wieħed jista jikseb it-tagħrif kollu li jkun jinħtieg dwar il-ħidma ta Comunio, kif ukoll jagħmel kuntatt ma l-istess grupp.
Element ewlieni f’dan il-web site huwa il-Magazine Elettroniku bl-isem ta Footsteps… Dan l-E-Zine għandu l-għan li jiġbor fih kitbiet li jqanqlu l-ħsieb anke jekk fuq temi li ħafna drabi neħduhom for granted. It-temi magħżula huma varji filwaqt li bosta huma dawk l-artikolisti u opinjonisti li jwasslu l-kitba tagħhom permezz ta’ dan il- ġurnal elettroniku. Footsteps huwa pubblikazzjoni regolari li Comunio jqassam permezz tas-sit elettroniku tiegħu kif ukoll permezz tal-posta elettronika. Min jixtieq jirċievi kopja ta’ dan l-E-zine kull meta jkun ppubblikat, jista faċilment jagħmel dan billi jibgħat ittre fuq comunio@mcast.edu.mt.
Riċentament dan il-website saħħaħ is-servizzi tiegħu anke permezz tal-Blog ta’ Fr John – li huwa c-Chaplain ta’ l-MCAST. Dan il-blog jinkludi l-opportunita li wieħed jista jnizzel għall-fuq l-MP3 player tiegħu għadd ta’ ħsibiet u riflessjonijiet qosra li jinbiddlu minn żmien għall-ieħor. B’dan il-mod ta downloads, dak li jkun jista jsib il-ħin l-aktar komdu sabiex jisma u jirrifletti fil-kwiet fuq il-bosta temi li Fr John ser jindirizza f’dan is-servizz ... wara kollox ftit minuti fil-kwiet ma jagħmlux ħsara speċjalment fil-ġenn u l-istorbju li ngħaddu minnu ta kuljum! Kulma jonqos hu li żżur il-website www.comuniomalta.org u tagħmlu wieħed mis-siti elettroniċi li żżur b’mod regolari.
Video
Robert Galea on WYD08 during Celebrate Life ... Celebrate Youth